Thursday, March 23, 2006

Grazzi tal-kummenti.

Nahseb li kull m'ghandna naghmlu issa hu semplici hafna. Aqbdu ktieb hu ibdew ittraducuh. Imbaghad ibaghtuli l-link ghall-pagna fejn tkunu bdejtu t-traduzzjoni. Ma nahsibx li ghandna ninhlew wisq fl-ghaliex tal-progett. Nerga' nghid li l-idea originali kienet li naghzlu kittieba kontemporanji - kittieba li qed jiktbu llum. Izda minn jippreferi jaqleb lil Orwell u lil Moravia, merhba bih. U jekk lil xi hadd tigih it-tentazzjoni li jaqleb lil Chaucer, zgur li nidhku dahka ukoll. Kwazi pastaz daqs Stagno hekk jew hekk. U bil-haqq hadt gost li wrejt interess fil-progett, Guze'. Fil-gzira z-zghira ma tafx kif jehduhom l-affarijiet. Nahseb tifhimni.

Mela ahsbuha fit-tul u ibaghtuli l-ideat.

10 Comments:

Blogger Antoine Cassar said...

Dal-kumment kont ktibtu fuq Xifer u jidhirli xieraq li nirreproduċih hawnhekk ħalli d-diskussjoni kollha tinstab f'post wieħed.

----------------------------------

Prosit KBIRA. Jien ukoll nixtieq inkun normali (f'das-sens, s'intendi). Issa niskannjalkom kolonna li dehret m'ilux f'gazzetta lokali, se togħġobkom żgur.

Vantaġġ ieħor li nara filli taqleb letteratura barranija fi lsienek hu li jgħinek tistħarreġ għal meta tikteb ix-xogħol personali tiegħek. Nixtieq ngħid, madankollu, li ma naqbilx mal-klixè akkademiku li jgħid li t-traduzzjoni letterarja hija "l-oħt iż-żgħira" tal-letteratura. Fil-fehma tiegħi t-traduzzjoni hija parti integrali minnha.

Dwar l-istruttura tal-proġett, jien tal-fehma illi aktar ma tkun miftuħa u ħielsa aktar aħjar. Ma naħsibx li għaqda tkun idea tajba (bil-president bis-segretarju bil-pr b'kollox), ta' l-inqas mhux fil-bidu. Nibża' li jekk niffurmaw għaqda tispiċċa tinħall malajr, l-ewwel minħabba nuqqas ta' ħin min-naħa tal-membri, u t-tieni (ejjew ngħiduha) minħabba tensjonijiet interni possibbilment maħluqin minn ċerta ħajra għal protagoniżmu. (Qed nitkellem mill-esperjenza).

Naqbel ħafna li jkun hemm forum jew (aħjar) lista ta' distribuzzjoni dwar il-problemi ġenerali u speċifiċi tat-traduzzjoni fejn inkunu nistgħu ngħinu 'l xulxin. Listi ta' dan it-tip jgħinuni ħafna fix-xogħol freelance tiegħi u tgħallimt ħafna minnhom, aħseb u ara jekk il-lista tkun letterarja. Fil-lista Traducción en España tintuża ċerta kodiċi fis-suġġett tal-messaġġi biex tavża lid-destinatarji x'tip ta' dubju jkun fihom, eż. TERM għal terminoloġija, SINT għal sintassi, GRAM għal grammatika, eċċ.

L-aħħar ħaġa għalissa (għax suppost ilni li dħalt norqod!): David, tista' tiddefinixxi b'mod aktar speċifiku x'inhi fil-fehma tiegħek "letteratura KONTEMPORANJA" ? Qed taħseb fil-letteratura tal-ġenerazzjoni tagħna, jew tinkludi, ngħidu aħna, xogħlijiet tas-seklu għoxrin?

Ta' min ukoll nagħmlu lista tal-lingwi li beħsiebna (jew li nistgħu) naqilbu minnhom. Fil-każ tiegħi kieku nittraduċi l-aktar mill-Ispanjol, u poeżija aktar milli proża jew teatru.

Ma kontx naf bit-teżi ta' Ludvic, tajjeb wisq, mela x-xogħol diġà lest! Adrian Grima jaf biha? Smajt li hemm wieħed fil-kors tat-traduzzjoni ta' l-Università li qed jaqleb rumanz ta' Andrea Camilleri. Meta jkolli ċans infittex id-dettalji.

Nista' nibqa' sejjer l-għodwa kollha imma issa tielgħa x-xemx... saħħiet

3:06 PM  
Blogger Antoine Cassar said...

U din hi risposta tiegħi għall-kummenti li ħallew Roderick u Ġużè fl-entrata ta' qabel din.

----------------------------------

Ħasra li ma stajtx nattendi għat-taħditiet ta' Marco Galea, Ġużè u Maria Grech Ganado l-università, kien impossibbli għax nannti kienet l-isptar u kelli nieħu ħsieb ix-xiħ. Jekk tistgħu tgħiduli brevement x'kienu l-ideat ewlenin li ġew espressi napprezza bil-kbir.

Issa, dwar din:

Ghax wara li tkun qrajt it-tnejn tieghi, u l-erbgha ta' Immanuel, u forsi forsi n-Nanna Venut [...] u xi tnejn ohra, x'jibqa' fejn tidhol proza?

L-iskarsezza jew karestija ta' proża tajba bil-Malti ovvjament ma tistax tinċaħad. Imma hawnhekk naħseb li qed tgħaġġibha ftit. Proża ta' kwalità tajba ssibha, basta jkollok paċenzja tfittex. Samuraj ta' Frans Sammut huwa rumanz tajjeb ħafna, per eżempju. Hemm ukoll ir-rumanzi u l-istejjer ta' Oliver Friggieri, ir-rakkonti ta' Lino Spiteri, il-Ħrejjef għal Żmienna ta' Joe Friggeri (mhux biex nagħmel riklam fuq blogg maħluq minn ibnu!), tentattiv biex jiddaħħal ir-realiżmu maġiku fil-letteratura Maltija, u bis-suċċess. Tentattiv tajjeb ieħor huma s-Seba' Tronġiet Mewwija ta' Trevor Żahra. Nittama li niskopri xi oħrajn fix-xhur li ġejjin. Imma xorta nasal biex naqbel li dan kollu mhux biżżejjed.

Dwar il-Maltin li jippreferu jaqraw bl-Ingliż jew b'ilsna oħra, jidhirli li fattur ieħor importanti huwa l-preġudizzju. La jingħad ta' kuljum li m'hemmx wisq x'taqra bil-Malti li vallapena, kif se nippretendu li ż-żgħażagħ jaqbdu ktieb Malti flok ktieb barrani? Dal-klixè jeħtieġ li jiġi rrelativizzat. Tajbin kemm huma tajbin il-kotba ta' Stagno u Mifsud -u jien qed nieħu wisq gost naqrahom, Il-Lejl l-Iswed taċ-Ċief huwa bla dubju wieħed mill-aktar rakkonti poetiċi li qatt qrajt f'kull lingwa- għandi suspett li huma l-aktar li jinqraw għax huma l-moda, mhux neċessarjament għax l-aqwa kotba li joffri s-suq jew għax ta' l-ogħla kwalità estetika jew letterarja.

3:27 PM  
Blogger Antoine Cassar said...

Ta' l-aħħar (għalissa): tliet suġġerimenti.

----------------------------------

Naħseb li tkun idea tajba jekk noħolqu lista ta' distribuzzjoni (mailing list) biex niddiskutu hemm flok f'ġungla ta' kummenti. Anki waħda ta' Yahoo tkun tajba. Xi ħaġa tipo ilkuntestkollox@yahoogroups.com.
X'taħsbu? David, toħloqha int jew nieħu ħsiebha jien? B'hekk inkunu nistgħu niddiskutu dwar bosta punti fl-istess ħin mingħajr ma jkollna nieħu ħsieb l-ordni ta' l-interventi (tagħfas fuq Reply e basta). Jew inkella noħolqu forum imma m'għandix idea kif. Personalment kieku nippreferi nirċievi l-interventi permezz ta' l-email flok ikolli nżur regolarment sit ieħor.

Sadattant, Pierre u jien bdejna nitkellmu dwar il-possibbiltà li noħolqu sit jew blogg għat-traduzzjoni poetika. Forsi tista' tkun miftuħa għal kulħadd, bil-paġni maqsumin skond il-lingwi oriġinali u l-awturi (u forsi anke l-epoka, għax fejn tidħol it-traduzzjoni poetika mhux faċli tfittex u ssib min huma l-aktar poeti kontemporanji rikonoxxuti, anzi għoddhom jinbidlu mil-lejl għan-nar. Aktar kelli fi ħsiebi poeti tas-sekli XIX-XX kollha hemm huma. Hemm ukoll l-argument li l-poeżija essenzjalment dejjem tibqa' kontemporanja, imma dik storja oħra). Fil-bidu jista' jkollna, per eżempju, traduzzjonijiet ta' Neruda u Rimbaud -Kevin kien ittraduċa xi poetessa Ingliża imma bħalissa ma niftakarx min hi- u aktar tard nippruvaw niddiversifikaw il-lingwi. Poeti oħra li jien mejjet biex nipprova naqlibhom huma Rilke, Lorca, Borges (dan diffiċilissimu!), Leopardi, Carducci, Larkin, Kavafis, Elitis...

Template bħal ma għandu Alex fil-blogg !ND!V!DW! (mela ħassarthom dawk ir-rakkonti ja muqran li int?!?!) jew Rota Roża jkun perfett, per eżempju. Ta' min ukoll niktbu kelmtejn biex nintroduċu kull awtur li naqilbu, anki biex niġġustifikaw l-għażla tagħna u għalfejn naħsbu li ħaqqu jkun tradott. Ovvjament li ngħidu "għax il-kitba tiegħu sabiħa immens" ma jkunx biżżejjed, irridu ngħidu għala tidhrilna daqshekk sabiħa u ta' preġju.

David, jekk tuża l-msn, ibgħatli e-mail ħalli jekk trid nitkellmu ftit fuq it-traduzzjoni ta' Lanzarote.

3:45 PM  
Blogger Roderick Mallia said...

Jien naqbel perfettament li noħolqu grupp fuq il-Yahoo. Infatti ma nafx rajtux il-kumment li ħallejt xi jiem ilu fuq il-blogg ta' David:

Nistgħu ukoll noħolqu xi Grupp tal-Yahoo jew speċi ta' forum għal dan il-proġett li jista' jintuża wkoll biex forsi nitolbu għajnuna lil xulxin u/jew xi suġġerimenti dwar problemi speċifiċi fix-xogħol li qed nittraduċu.

2:27 AM  
Blogger Roderick Mallia said...

Żommna nfurmati fuq din il-biċċa xogħol tat-traduzzjoni poetika. Din interessanti ħafna. Kieku kont nissuġġerilek tagħmel xi ħaġa bħal wiki tal-letteratura Maltija imma proġett miftuħ (ċioè, open source) bħall-wiki ibeżżani naqra. Blogg jaf ikun ħafna aħjar. Sit ikun ħafna iktar professjonali.

Jiena kieku nagħti l-kontribut tiegħi fih dal-proġett jekk tkunu tixtiequ xi għajnuna. Hekk jew b'hekk, bħalissa iktar għandi ċans nittraduċi poeżiji milli kotba sħaħ minħabba limitazzjonijiet ta' ħin. Nisma' mingħandek.

4:39 AM  
Blogger Antoine Cassar said...

Grazzi Rod, u skużani, naħseb li kont rajt is-suġġeriment tiegħek u mbagħad insejtu!!

Nerġa' nidħol aktar tard, ħa mmur nieħu ngħasa.

9:40 AM  
Blogger Roderick Mallia said...

15-il numru? Immur infittxu dan għax 'qas qatt smajt bih u wisq anqas qrajtu.

1:18 AM  
Blogger Kenneth said...

http://blog.outer-court.com/archive/2006-07-15-n35.html

3:15 PM  
Anonymous Anonymous said...

L-Antikrist ta' Friedrich Nietzsche
http://l-antikrist.blogspot.com/

Għadu fil-bidu ħafna u għalissa naqra raff, imma meta jkolli iktar ħin napplika ruħi aħjar.

2:19 AM  
Blogger L-Imżebbel said...

Kurżità: dak mill-oriġinali qed taqilbu?

8:01 AM  

Post a Comment

<< Home

Mid-9 ta' Marzu 2006
Hit Counter